Navigation Path: Home > The European Central Bank > Materjal edukattiv > FATTI Preżentazzjoni > Politika monetarja > Slide 4
IL-POLITIKA MONETARJA

Strateġija ta’ politika monetarja hi deskrizzjoni koerenti u strutturata dwar kif jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-politika monetarja biex jintlaħaq il-għan tal-bank ċentrali.
Din għandha żewġ doveri xi twettaq. L-ewwel, billi timponi struttura ċara fuq il-proċess stess tat-tfassil tal-politika, l-istrateġija tiżgura li l-Kunsill Governattiv tal-BĊE jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu it-tagħrif u l-analiżijiet meħtieġa biex jieħu deċiżjonijiet bħal dawn (id-dimensjoni interna). It-tieni, hi mezz biex id-deċiżjonijiet tal-politika monetarja jiġu mfissra lill-pubbliku (id-dimensjoni esterna). Billi tikkontribwixxi għall-effikaċja tal-politika monetarja, u billi twassal il-messaġġ dwar l-impenn tal-bank ċentrali favur l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-istrateġija tikkontribwixxi għall-kredibilità tal-BĊE fis-swieq finanzjarji.
Id-dover ewlieni tal-BĊE bħala l-qalba tal-Eurosistema hu t-tmexxija tal-politika monetarja fiż-żona tal-euro bl-għan li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Bl-iffissar tar-rati tal-imgħax fuq żmien qasir, il-politika monetarja tinfluwenza l-ekonomija, u fl-aħħar mill-aħħar, il-livell tal-prezzijiet.
Biex imexxi l-politika monetarja bl-aħjar mod, il-BĊE jsegwi orjentament speċifiku ħalli jikkalkula n-natura u l-firxa tar-riskji li jheddu l-istabbiltà tal-prezzijiet fiż-żona tal-euro. Biex jagħmel dan, il-BĊE jeħtieġlu janalizza l-iżviluppi ekonomiċi u monetarji bl-akbar reqqa. Biex jiżgura li l-ebda tagħrif rilevanti ma jitħalla barra, żviluppa l-hekk imsejjaħ “orjentament imsejjes fuq żewġ pilastri”.
Il-metodu tal-BĊE għall-organizzazzjoni, il-valutazzjoni u l-verifika tat-tagħrif rilevanti għall-istima tar-riskji għall-istabbilità tal-prezzijiet hu bbażat fuq żewġ perspettivi analitiċi komplementari, imsejħa ż-żewġ “pilastri”.
L-analiżi ekonomika għandha l-għan li tqis il-fatturi determinanti tal-iżviluppi fil-prezzijiet fuq żmien qasir sa medju, b’fokus fuq l-attività reali u l-kondizzjonijiet finanzjarji fl-ekonomija. Din tqis il-fatt li l-iżviluppi fil-prezzijiet fuq dawn il-perijodi huma influwenzati l-iżjed mill-influwenza reċiproka tal-provvista u d-domanda fis-swieq tal-prodotti, tas-servizzi u tal-fatturi.
L-analiżi monetarja tiffoka fuq perijodu itwal, u tisfrutta r-rabta fuq żmien twil bejn il-flus u l-prezzijiet. L-analiżi monetarja sservi prinċipalment bħala mezz ta’ verifika, minn perspettiva ta’ żmien medju sa twil, tal-indikazzjonijiet fuq żmien qasir sa medju għall-politika monetarja li joħorġu mill-analiżi ekonomika.
L-orjentament imsejjes fuq żewġ pilastri hu mfassal biex jiżgura li fl-istima tar-riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet ma jintilef ebda tagħrif u li tingħata attenzjoni xierqa lill-perspettivi differenti u lill-verifika tat-tagħrif biex jintlaħaq ġudizzju ġenerali dwar ir-riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet. Dan jirrappreżenta, u jwassal lill-pubbliku, il-kunċett ta’ analiżi diversifikata u jiżgura teħid sod ta’ deċiżjonijiet ibbażat fuq perspettivi analitiċi differenti.
Għal dettalji dwar il-politika monetarja tal-BĊE, ara www.ecb.europa.eu/mopo
Alternattivament, ordna kopja stampata tal-ktieb “Il-politika monetarja tal-BĊE” (madwar 120 paġna) minn info@ecb.europa.eu.
MP.004 01/12
Bank Ċentrali Ewropew