Il-Politika Monetarja
L-istrumenti tal-politika monetarja
Biex tikseb l-għan ewlieni li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-Eurosistema għandha għad-dispożizzjoni tagħha sett ta’ strumenti tal-politika monetarja.
Operazzjonijiet tas-suq miftuħ
L-operazzjonijiet tas-suq miftuħ huma l-aktar strument importanti. Iservu biex
- jiggwidaw ir-rati tal-imgħax,
- jimmaniġġaw is-sitwazzjoni tal-likwidità fis-suq monetarju, u
- juru x-xejra tal-politika monetarja.
Jistgħu jinqasmu fl-erba’ kategoriji li ġejjin:
- operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament, li huma tranżazzjonijiet irriversjati regolari li jipprovdu likwidità kull ġimgħa u li għandhom maturità ta’ ġimgħa;
- operazzjonijiet ta’ rifinanzjament għal żmien itwal, li huma tranżazzjonijiet irriversjati li jipprovdu likwidità kull xahar u li normalment għandhom maturità ta’ tliet xhur;
- operazzjonijiet ta’ rfinar, magħmula abbażi ad hoc u maħsuba biex jimmaniġġaw is-sitwazzjoni tal-likwidità fis-suq monetarju u biex jiggwidaw ir-rati tal-imgħax, b’mod partikolari biex inaqqsu l-effetti fuq ir-rati tal-imgħax ikkawżati minn ċaqliq mhux mistenni fis-swieq tal-likwidità;
- operazzjonijiet strutturali, li jsiru kull meta l-BĊE jkun jixtieq jaġġusta l-pożizzjoni strutturali tal-likwidità tal-Eurosistema vis-à-vis is-settur finanzjarju (fuq bażi regolari jew mhux regolari), bħall-ammont ta' likwidità fis-suq għal żmien twil. Dawn l-operazzjonijiet jistgħu jitmexxew bl-użu ta’ tranżazzjonijiet irriversjati, b'operazzjonijiet diretti jew bil-ħruġ ta’ ċertifikati ta' dejn tal-BĊE.
Faċilitajiet permanenti
L-Eurosistema toffri wkoll faċilitajiet permanenti li jipprovdu u jassorbu l-likwidità overnight. Ir-rati tal-imgħax tagħhom normalment jipprovdu livell massimu u livell minimu għar-rata overnight fis-suq monetarju.
Hemm żewġ faċilitajiet permanenti disponibbli:
- il-faċilità tas-self marġinali, li tippermetti lill-kontropartijiet (i.e. istituzzjonijiet finanzjarji bħall-banek) jakkwistaw likwidità overnight mill-banek ċentrali nazzjonali permezz ta' assi eliġibbli; u
- il-faċilità tad-depożitu, li tista’ tintuża minn kontropartijiet biex jagħmlu depożiti overnight fil-banek ċentrali nazzjonali.
Riżervi minimi
Fl-aħħar, l-Eurosistema titlob li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkollhom riżervi minimi f’kontijiet mal-banek ċentrali nazzjonali. Is-sistema tar-riżervi minimi għandha l-għan li tistabbilizza r-rati tal-imgħax tas-suq monetarju u toħloq (jew tkabbar) ħtieġa strutturali ta’ likwidità.
MP.009 01/12
Bank Ċentrali Ewropew