Navigation Path: Home > The European Central Bank > Dmirijiet
Id-dmirijiet tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-Eurosistema huma stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dawn huma speċifikati fl-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew. L-Istatut huwa protokoll anness mat-Trattat.
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ġeneralment jirreferi għas-SEBĊ iżjed milli għall-Eurosistema, billi tfassal bil-premessa li l-Istati Membri kollha tal-UE fl-aħħar mill-aħħar għandhom jadottaw l-euro. L-Eurosistema hi magħmula mill-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) tal-Istati Membri tal-UE li għandhom l-euro bħala l-munita tagħhom, waqt li s-SEBĊ tiġbor fiha l-BĊE u l-BĊN tal-Istati Membri kollha tal-UE (Artikolu 282(1) tat-Trattat). Sakemm jifdal Stati Membri tal-UE li ma jkollhomx l-euro bħala l-munita tagħhom, tibqa’ l-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn l-Eurosistema u s-SEBĊ.
L-Artikolu 127(1) tat-Trattat jiddefinixxi l-għan ewlieni tal-Eurosistema:
“L-għan ewlieni tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali [...] hu li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet”.
L-artikolu jkompli kif ġej: “Mingħajr preġudizzju għall-għan tal-istabbiltà tal-prezzijiet, is-SEBĊ għandha tappoġġa l-politika ekonomika ġenerali tal-Unjoni bil-għan illi tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”
L-Unjoni Ewropea għandha bosta għanijiet (Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea), fosthom l-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa msejjes fuq it-tkabbir ekonomiku bbilanċjat u l-istabbiltà tal-prezzijiet, u ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva ħafna, bil-għan li jkun hemm xogħol għal kulħadd u progress soċjali. Għalhekk, l-istabbiltà tal-prezzijiet mhijiex biss l-għan ewlieni tal-politika monetarja tal-BĊE, iżda hija wkoll għan tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Hekk, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxu ġerarkija ċara ta’ għanijiet għall-Eurosistema, u huwa evidenti li l-istabbiltà tal-prezzijiet hija l-aktar kontribut importanti li tista’ tagħti l-politika monetarja biex jinkisbu ambjent ekonomiku favorevoli u livell għoli ta’ impjiegi.