
“Għaxar snin ilu, fl-1 ta’ Jannar 2002, daħlu l-karti tal-flus u l-muniti tal-euro fi 12-il Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. L-introduzzjoni tal-euro kienet toffri sfida li bħalha qatt ma kien hemm qabel, iżda kollox mexa ħarir u biljuni ta’ karti tal-flus u muniti bdew deħlin fiċ-ċirkolazzjoni fi ftit jiem. Ħames Stati Membri oħra adottaw l-euro f’dawn l-aħħar snin, biex issa total ta’ 17-il Stat Membru – u 332 miljun ruħ – qegħdin jużaw il-munita. L-euro sar simbolu tal-Ewropa, u l-karti tal-flus u l-muniti saru parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum.”
Mario Draghi, President tal-BĊE
Kompetizzjoni Ġirja għall-Euro 2012: Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu 2012 se ssir kompetizzjoni tal-logħba onlajn tagħna Ġirja għall-Euro għal tfal tal-“ġenerazzjoni tal-euro”, i.e. dawk li għandhom bejn 9 snin u 12-il sena, li joqogħdu fl-Unjoni Ewropea.
Jum il-Viżitaturi fil-BĊE: Fid-29 ta’ April 2012 il-BĊE qiegħed iħejji biex jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku. Din hi okkażjoni biex wieħed isir jaf aktar dwar il-karti tal-flus u l-muniti tal-euro, mill-istorja tal-flus sal-produzzjoni tagħhom.
Filmat*: Ara l-filmat qasir tagħna dwar l-ewwel għaxar snin tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro.
Dan il-materjal hu disponibbli bla ħlas għal skopijiet ta’ tagħrif li għandu x’jaqsam mal-euro. Irid jitqassam jew jiġi riprodott eżatt u l-BĊE għandu jiġi kkwotat bħala s-sors: © Bank Ċentrali Ewropew. Għal kull użu ieħor jinħtieġ il-permess tad-Diviżjoni tal-Istampa u l-Informazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (email: info@ecb.europa.eu; tel: +49 69 1344 7455).
* Skont l-Artikolu 26 tal-Liġi Digriet 201/2011 ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Taljana Nru 284 tas-6 ta’ Diċembru 2011, il-karti u l-muniti tal-lira li għadhom fiċ-ċirkolazzjoni mhumiex se jibqgħu validi u se jiġu assenjati lit-Teżor b’seħħ immedjat. Għalhekk, mis-7 ta’ Diċembru 2011, dawn il-karti tal-flus u l-muniti ma jistgħux jissarrfu aktar fil-fergħat tal-Banca d’Italia.
L-Istitut Monetarju Ewropew, il-prekursur tal-BĊE, nieda kompetizzjoni għad-disinn tal-karti tal-flus fi Frar 1996. Id-disinji ġew eżaminati minn ġurija ta’ esperti indipendenti fil-marketing, fid-disinn u fl-istorja tal-arti u kienu s-suġġett ta’ stħarriġ tal-opinjoni pubblika. Wara li qies ir-riżultati kollha, il-Kunsill tal-Istitut Monetarju Ewropew għażel ir-rebbieħ tal-kompetizzjoni f’Diċembru 1996: Robert Kalina, disinjatur tal-karti tal-flus mill-bank ċentrali tal-Awstrija – Oesterreichische Nationalbank – fi Vjenna, li ppreżenta sensiela ta’ disinji msejsa fuq it-tema “Żminijiet u stili tal-Ewropa”. Aktar dwar il-karti tal-flus
Waqt li l-karti tal-flus tal-euro huma l-istess fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, il-muniti għandhom naħa “Ewropea” u naħa “nazzjonali”. Juru simboli ta’ pajjiżi Ewropej u jixhdu l-unità tal-UE. Aktar dwar il-muniti
Illum 332 miljun ruħ fi 17-il Stat Membru jużaw l-euro. F’nofs l-2011 kien hemm 14.2 biljun karta tal-flus u 95.6 biljun munita fiċ-ċirkolazzjoni, b’valur totali ta’ €847 biljun u €22.8 biljun rispettivament. Il-karta ta’ €50 kellha l-akbar proporzjon f’termini ta’ kwantità (39.5%) waqt li l-karta ta’ €500 kellha l-akbar proporzjon f’termini ta’ valur (34.3%) u ftit warajha l-karta ta’ €50 (33%).
Il-produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro bdiet f’Lulju 1999 fi 15-il stamperija tal-karti tal-flus f’pajjiżi differenti tal-Unjoni Ewropea. Sal-1 ta’ Jannar 2002 ġiet stampata provvista inizjali ta’ 14.9 biljun karta tal-flus – biżżejjed biex tgħatti l-wiċċ ta’ 15,000 grawnd tal-futbol – għat-308 miljun ruħ tat-12-il pajjiż li dak iż-żmien kienu fiż-żona tal-euro. Madwar 52 biljun munita, b’valur totali ta’ €15.75 biljun, ġew prodotti minn 16-il zekka Ewropea bl-użu ta’ 250,000 tunnellata ta’ metall.
Il-bidla tal-flus involviet is-settur bankarju, il-kumpaniji tal-ġarr tal-flus b’sigurtà, il-bejjiegħa bl-imnut, l-industrija tal-magni li jitħaddmu bil-flus u, m’għandniex xi ngħidu, il-pubbliku ġenerali. Minkejja l-kobor tal-isfida tad-dħul tal-euro, il-proċess mexa ħarir u ntemm b’suċċess fiż-żona kollha tal-euro sal-aħħar ta’ Frar 2002.
Sal-1 ta’ Marzu 2002 aktar minn 6 biljun karta tal-flus u qrib it-30 biljun munita nazzjonali kienu tneħħew miċ-ċirkolazzjoni.
Il-karti tal-flus u l-muniti li qabel kienu jintużaw f’xi pajjiżi, bħad-Deutschmark jew il-peżeta Spanjola, għadhom jistgħu jissarrfu f’euro. It-tisrif jista’ jsir fil-banek ċentrali nazzjonali rispettivi. Madankollu xi pajjiżi għandhom data tal-għeluq għat-tisrif tal-karti tal-flus u/jew il-muniti nazzjonali l-antiki.
Fl-ewwel sitt xhur tal-2011 tneħħa total ta’ 295,553 karta tal-flus falza tal-euro miċ-ċirkolazzjoni. Meta jitqabbel mal-għadd ta’ karti tal-flus ġenwini tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni (medja ta’ 13.8 biljun fl-ewwel nofs tal-2011) il-proporzjon ta’ karti tal-flus foloz huwa żgħir ħafna. L-aktar karti tal-flus foloz “popolari” huma dawk ta’ €50 u €20. Għalkemm il-fiduċja fis-sigurtà tal-euro hi ġustifikata għalkollox minħabba l-miżuri kontinwi kontra l-falsifikazzjoni, il-BĊE jħeġġeġ liċ-ċittadini joqogħdu attenti u japplikaw il-metodu “ħoss–ħares–mejjel” imfisser hawn, u jiċċekkjaw aktar minn karatteristika waħda ta’ sigurtà.
Minkejja l-għadd żgħir ħafna ta’ karti tal-flus foloz, l-Eurosistema jeħtiġilha toqgħod pass qabel il-falsifikaturi u tagħmilha aktar iebsa biex il-karti tal-flus tagħha jiġu ffalsifikati. Għalhekk għandha tidħol sensiela oħra ta’ karti tal-flus tal-euro, it-tieni waħda, fis-snin li ġejjin. Din is-sensiela ġdida se żżomm l-elementi l-aktar importanti tad-disinn tal-ewwel sensiela ta’ karti tal-flus. L-Eurosistema se toħroġ tagħrif dwar id-dħul tal-karti tal-flus il-ġodda meta jkun il-waqt.