Navigation Path: Home > The European Central Bank > Storja > Unjoni Ekonomika u Monetarja
F’Ġunju 1988 il-Kunsill Ewropew tal-Unjoni Ewropea kkonferma li l-Unjoni Ekonomika u Monetarja kellha titwettaq f'sensiela ta' fażijiet. Il-Kunsill ta l-mandat lil kumitat immexxi minn Jacques Delors, li dak iż-żmien kien il-President tal-Kummissjoni Ewropea, biex jeżamina u jipproponi fażijiet konkreti li kellhom iwasslu għal din l-unjoni.
Il-kumitat kien magħmul mill-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ dik li kienet il-Komunità Ewropea (KE), u minn Alexandre Lamfalussy, il-Maniġer Ġenerali tal-Bank għas-Saldi Internazzjonali (BIS), Niels Thygesen, professur tal-ekonomija mid-Danimarka u Miguel Boyer, il-President tal-Banco Exterior de España.
Il-kumitat ħareġ bir-Rapport Delors li ppropona li l-unjoni ekonomika u monetarja kellha tintlaħaq fi tliet fażijiet diskreti iżda evoluzzjonarji.
| L-EWWEL FAŻI mill-1 ta' Lulju 1990 | Libertà sħiħa għat-tranżazzjonijiet tal-kapital; |
|---|---|
| Aktar kooperazzjoni bejn il-banek ċentrali; | |
| Użu liberu tal-ECU (European Currency Unit, il-munita ta' qabel l-€); | |
| Titjib fil-konverġenza ekonomika; |
| IT-TIENI FAŻI mill-1 ta' Jannar 1994 | Twaqqif tal-Istitut Monetarju Ewropew (IME); |
|---|---|
| Il-banek ċentrali ma jitħallewx jagħtu kreditu lis-settur pubbliku; | |
| Aktar koordinament bejn il-linji politiċi monetarji; | |
| Tisħiħ tal-konverġenza ekonomika; | |
| Proċess li jwassal għall-indipendenza tal-banek ċentrali nazzjonali, li kellu jitlesta sad-data tat-twaqqif tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali; | |
| Ħidma ta’ tħejjija għat-Tielet Fażi; |
| IT-TIELET FAŻI mill-1 ta' Jannar 1999 | Iffissar irrevokabbli tar-rati tal-kambju; |
|---|---|
| Dħul tal-euro; | |
| Tmexxija tal-politika monetarja unika mis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali; | |
| Dħul fis-seħħ tal-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju fl-UE (ERM II); | |
| Dħul fis-seħħ tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir; |
Fuq il-bażi tar-Rapport Delors, il-Kunsill Ewropew iddeċieda f’Ġunju 1989 li l-ewwel fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja kellha tibda fl-1 ta’ Lulju 1990. F’din id-data, fil-prinċipju, kellhom jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-moviment ta' kapital bejn l-Istati Membri.
Is-sehem tal-Kumitat tal-Gvernaturi tal-banek ċentrali tal-Istati Membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea fil-kooperazzjoni monetarja baqa' jikber fl-importanza minn meta nħoloq f’Mejju 1964 u r-responsabbiltajiet tiegħu komplew jikbru. Ir-responsabbiltajiet il-ġodda ġew stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Marzu 1990. Fost id-dmirijiet il-ġodda, il-kumitat kellu jikkonsulta dwar il-linji politiċi monetarji tal-Istati Membri u jħeġġeġ il-koordinament tagħhom bil-għan li tinkiseb stabbilità fil-prezzijiet.
Minħabba ż-żmien relattivament qasir li kien hemm u l-kumplessità tad-dmirijiet involuti, il-Kumitat tal-Gvernaturi beda jaħdem fuq it-tħejjijiet għat-Tielet Fażi tal-UEM. L-ewwel pass kien li jiġu identifikati l-kwistjonijiet kollha li kellhom jiġu eżaminati f’fażi bikrija biex jiġi stabbilit programm ta’ ħidma sa tmiem l-1993 u b'hekk jiġu definiti l-mandati tas-sottokumitati u l-gruppi ta’ ħidma eżistenti mwaqqfa għal dak il-għan.
Biex jintlaħqu t-Tieni u t-Tielet Fażi, it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (it-Trattat ta' Ruma) ħtieġlu jiġi rivedut biex tiġi stabbilita l-istruttura istituzzjonali meħtieġa. Għal dan il-għan issejħet Konferenza Intergovernattiva dwar l-UEM li saret fl-1991, fl-istess żmien li kienet għaddejja l-Konferenza Intergovernattiva dwar l-unjoni politika.
In-negozjati wasslu għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li sar qbil dwaru f’Diċembru 1991 u ġie ffirmat f’Maastricht fis-7 ta’ Frar 1992. Madankollu, minħabba dewmien fil-proċess ta’ ratifika, it-Trattat (li emenda t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea – u bidillu ismu għal Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea – u daħħal, fost l-oħrajn, il-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u l-Protokoll dwar l-Istatut tal-Istitut Monetarju Ewropew) ma daħalx fis-seħħ qabel l-1 ta’ Novembru 1993.
It-twaqqif tal-Istitut Monetarju Ewropew (IME) fl-1 ta’ Jannar 1994 ġab miegħu l-bidu tat-tieni fażi tal-UEM u l-Kumitat tal-Gvernaturi ma baqax jeżisti. L-eżistenza temporanja tal-IME kienet tirrifletti l-qagħda tal-integrazzjoni monetarja fil-Komunità. L-IME ma kellu l-ebda responsabbiltà għat-tmexxija tal-politika monetarja fl-Unjoni Ewropea – li baqgħet f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali – u lanqas ma kellu l-kompetenza biex iwettaq interventi marbuta mal-kambju.
Iż-żewġ dmirijiet ewlenin tal-IME kienu li:
Għal dan il-għan l-IME serva bħala forum għal konsultazzjoni kif ukoll għall-iskambju ta’ fehmiet u tagħrif dwar kwistjonijiet marbuta ma' linji politiċi differenti. L-IME speċifika wkoll il-qafas regolatorju, organizzattiv u loġistiku meħtieġ biex is-SEBĊ tkun tista’ twettaq dmirijietha fit-Tielet Fażi.
F’Diċembru 1995 il-Kunsill Ewropew qabel fuq l-isem tal-munita Ewropea li kellha tidħol fil-bidu tat-Tielet Fażi, l-euro, u kkonferma li t-Tielet Fażi tal-UEM kellha tibda fl-1 ta’ Jannar 1999. Tħabbru d-dati għal sensiela ta' avvenimenti marbuta mal-bidla għall-euro. Dawn kienu msejsa prinċipalment fuq proposti dettaljati maħduma mill-IME.
Fl-istess waqt l-IME ngħatalu d-dmir li jagħmel xogħol ta’ tħejjija dwar kif kellhom ikunu r-relazzjonijiet monetarji u r-rati tal-kambju bejn iż-żona tal-euro u pajjiżi oħra tal-UE fil-ġejjieni. F’Diċembru 1996 l-IME ppreżenta r-rapport tiegħu lill-Kunsill Ewropew u dan serva ta' bażi għal Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-prinċipji u l-elementi fundamentali tal-mekkaniżmu l-ġdid tar-rati tal-kambju (ERM II) li ġie adottat f’Ġunju 1997.
F’Diċembru 1996 l-IME ppreżenta wkoll lill-Kunsill Ewropew, u wara lill-pubbliku, is-sensiela ta’ disinji magħżula għall-karti tal-flus tal-euro li kellhom jibdew jiċċirkolaw mill-1 ta’ Jannar 2002.
Sabiex jikkomplementa u jispeċifika l-provedimenti tat-Trattat dwar l-UEM, il-Kunsill Ewropew adotta l-Patt ta’ Stabbilità u Tkabbir f’Ġunju 1997. Il-Patt ta’ Stabbilità u Tkabbir jiġbor fih żewġ Regolamenti u għandu l-għan li jiggarantixxi d-dixxiplina baġitarja fejn tidħol il-UEM. Dikjarazzjoni tal-Kunsill li saret f'Mejju 1998 serviet ta' suppliment għall-Patt u tejbet l-impenji miġbura fih. Saru riformi għall-Patt fl-2005 u fl-2011.
Fit-2 ta’ Mejju 1998 il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – magħmul mill-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern – ħa deċiżjoni unanima li ħdax-il Stat Membru kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jieħdu sehem fit-Tielet Fażi tal-UEM u biex jadottaw il-munita unika fl-1 ta’ Jannar 1999. Il-parteċipanti tal-bidu kienu l-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea laħaq ukoll ftehim politiku dwar il-persuni li kellhom jiġu rakkomandati biex jinħatru membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).
F’Mejju 1998 ukoll, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri li kienu se jadottaw il-munita unika ftiehmu mal-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ dawn l-Istati Membri, mal-Kummissjoni Ewropea u mal-IME li r-rati ċentrali bilaterali kurrenti tal-ERM tal-muniti tal-Istati Membri parteċipanti kellhom jintużaw biex jiġu stabbiliti r-rati tal-kambju irrevokabbli tal-euro.
Fil-25 ta’ Mejju 1998 il-gvernijiet tal-ħdax-il Stat Membru parteċipanti ħatru l-President, il-Viċi President u l-erba’ membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE. Il-ħatra tagħhom bdiet isseħħ mill-1 ta’ Ġunju 1998 u kienet tfisser it-twaqqif tal-BĊE. Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti jikkostitwixxu l-Eurosistema li tifformola u tiddefinixxi l-politika monetarja unika tat-Tielet Fażi tal-UEM.
Bit-twaqqif tal-BĊE fl-1 ta’ Ġunju 1998 l-IME temm id-dmirijiet tiegħu. Bi qbil mal-Artikolu 123 (li qabel kien l-Artikolu 109l) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-IME ġie xolt mat-twaqqif tal-BĊE. Il-ħidma kollha ta' tħejjija fdata f’idejn l-IME ntemmet f'waqtha u l-BĊE ddedika l-bqija tal-1998 biex jagħmel l-aħħar provi tas-sistemi u l-proċeduri.
Fl-1 ta’ Jannar 1999 bdiet it-tielet u l-aħħar fażi tal-UEM bl-iffissar irrevokabbli tar-rati tal-kambju tal-muniti tal-ħdax-il Stat Membru li kienu qegħdin jieħdu sehem fl-Unjoni Monetarja kif ukoll bit-tmexxija ta’ politika monetarja unika li sar responsabbli għaliha l-BĊE.
L-għadd ta’ Stati Membri parteċipanti żdied għal tnax fl-1 ta’ Jannar 2001 meta l-Greċja daħlet fit-Tielet Fażi tal-UEM. Is-Slovenja saret it-tlettax-il membru taż-żona tal-euro fl-1 ta' Jannar 2007, Ċipru u Malta daħlu sena wara, is-Slovakkja fl-1 ta' Jannar 2009 u l-Estonja fl-1 ta' Jannar 2011. Fil-jum li fih dawn il-pajjiżi daħlu fiż-żona tal-euro, il-bank ċentrali tagħhom awtomatikament sar parti mill-Eurosistema.